Tema Numru 2: L-involviment tal-udjenza
Il-kultura hija stil ta’ ħajja għall-poplu tal-Gżejjer
Maltin. Meta mqabbla ma’ ħafna partijiet tal-Ewropa,
il-livell ta’ parteċipazzjoni f’avvenimenti kulturali,
bħall-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival, huwa
għoli. Għal ħafna, il-parteċipazzjoni f’avvenimenti
kulturali (u l-preparazzjoni tagħhom) hija parti
mill-istil ta’ ħajjithom. Madankollu, lil hinn minn
firxa relattivament dejqa ta’ attivitajiet kulturali,
l-udjenzi għadhom emerġenti. Jeżisti nuqqas ta’
parteċipazzjoni attiva f’attivitajiet kulturali u xi
drabi n-nisa jħossuhom esklużi minn avvenimenti
li huma mmexxija b’mod predominanti mill-
irġiel. Komunitajiet ta’ minoranzi etniċi u persuni
b’diżabbiltà jesperjenzaw sens ġenerali ta’ esklużjoni
minn parteċipazzjoni attiva fil-forom kulturali
kollha. Jista’ jsir ħafna aktar biex jinbnew udjenzi
attivi li huma interkulturali u interġenerazzjonali
li jħossuhom jistgħu jikkontribwixxu għall-mod li
l-kultura hija preżentata, promossa u programmata.
Din it-tema tiffoka fuq it-tisħiħ ta’ udjenzi attivi u
diversi għal varjetà ta’ forom kulturali madwar kull
reġjun. It-tema tipprijoritizza l-inklużjoni soċjali
bħala prinċipju għal sistema kulturali dinamika
u responsabbli. Tinkoraġġixxi organizzazzjonijiet
kulturali u NGOs biex jaħdmu fi sħubija biex jifirxu
l-offerta kulturali, biex jevitaw ħbit tal-istess
dati fil-programmi kulturali u biex tinkoraġġixxi
koordinazzjoni ta’ programmi u l-komunikazzjoni
tagħhom. Tappoġġja tlaqqigħ ta’ attivitajiet, bħal
sistemi komuni ta’ promozzjoni u biljetti, approċċi
koordinati għall-involviment ta’ udjenza fost
komunitajiet li mhumiex involuti b’mod adekwat
u timmira għal interventi li jinkoraġġixxu turiżmu
kulturali, li fih it-turist huwa membru attiv tal-
udjenza aktar milli spettatur fil-periferija tal-attività.
Tema Numru 3: Innovazzjoni tal-wirt storiku
Ir-reġjuni tal-Gżejjer Maltin għandhom storja
magħmula minn diversi saffi, b’kull wieħed minnhom
magħġun mill-poplu li għex fil-gżejjer f’dak iż-żmien,
u li joħloq sens distint ta’ identità u post. Il-wirt
storiku tal-Gżejjer Maltin jiġbor firxa sorprendenti ta’
assi kulturali tanġibbli u intanġibbli: il-ġid ta’ tempji
antiki, ċittadelli, knejjes u katidrali, xelters tat-Tieni
Gwerra Dinjija, toroq mill-isbaħ u pjazez ħajjin li
huma animati b’festivals, mużika u avvenimenti li
joħolqu l-memorji. Ħafna mill-enerġija, ir-riżorsi u
l-prijoritajiet għall-kultura ffokaw fuq il-protezzjoni
u r-restawr ta’ assi ta’ wirt storiku tanġibbli, li
huwa vitali jekk il-pajjiż irid jibqa’ jkun ġawhra fil-
Mediterran. Għandu jiġi żgurat li l-iżvilupp bla rażan
ma jikkompromettix is-saħħa tal-wirt storiku Malti, u
li t-turiżmu kulturali jkun utilizzat biex ikollu rwol fil-
preservazzjoni u s-sostenibbiltà ta’ dak li joffri l-wirt
storiku. Madankollu, xi drabi, l-attenzjoni partikolari
fuq il-protezzjoni llimita l-potenzjal tal-innovazzjoni
tal-wirt storiku – li permezz tiegħu assi tal-wirt
storiku jingħataw ħajja ġdida u jitqiesu b’mod ġdid
bħala spazji, pjattaformi jew forom oħra għal użu
kontemporanju fejn narrattivi differenti jiġu espressi
b’mod li jpoġġu l-futur bħala tluq mill-passat.
Din it-tema tiffoka fuq il-patrimonju bħala riżorsa
għal żvilupp kulturali kontemporanju u innovazzjoni.
Huwa hawnhekk fejn l-organizzazzjonijiet
kulturali u l-udjenzi tagħhom jieħdu rwol attiv biex
jinvolvu ruħhom mal-passat u jmexxu ’l quddiem
possibbiltajiet għall-futur. Huwa hawnhekk fejn
sħubijiet ġodda jiżviluppaw biex jikkonservaw
lill-wirt storiku u jutilizzawh b’mod ġdid permezz
ta’ produzzjoni attiva ta’ tipi ġodda ta’ attivitajiet
kulturali minn popolazzjoni li qed tinbidel. Huwa
hawnhekk fejn it-turiżmu kulturali u l-industriji
kreattivi jistgħu jgħinu jiġġeneraw dħul ġdid li jista’
jerġa’ jiġi investit fl-iżvilupp tal-wirt storiku.
Għal kull waħda mit-tliet temi trasversali, ir-reġjun għandu sett ta’
prijoritajiet strateġiċi distinti. Dawn huma introdotti fil-paġni li ġejjin.
21
Il-Kunsill Malti għall-Arti