3.
It-Temi Trasversali Ewlenin
għall‑Kultura madwar
il‑Gżejjer Maltin
Din l-istrateġija hija mfassla fuq tliet temi trasversali komuni għar-
reġjuni kollha u tintroduċi prijoritajiet speċifiċi għal dan ir-reġjun.
atul l-analiżi tal-assi kulturali, l-opportunitajiet u l-isfidi kulturali ta’ kull reġjun mis-sitta li
jagħmlu parti minn dan il-programm ġenerali ta’ riċerka, ħarġu fid-deher sett ta’ tliet temi komuni
bejniethom, jew aħjar ‘trasversali’. It-temi jirriflettu realtà komuni ta’ żvilupp għall-Gżejjer Maltin
bħala nazzjon relattivament żgħir li għandu patrimonju mill-aktar għani x’joffri u bi sfidi sinifikanti ta’ kapaċità,
sħubija u investiment. It-temi huma introdotti fil-paġni li ġejjin.
Tema Numru 1: L-iżvilupp tat-talent
Ir-reġjuni tal-Gżejjer Maltin huma mimlija b’talent
kulturali u kreattiv, bil-poplu jkun ir-riżorsa kulturali
ewlenija tan-nazzjon. Pereżempju, jeżisti għarfien
espert f’firxa ta’ forom kulturali tradizzjonali, inkluż
l-arti u l-prestazzjonijiet li jingħataw marbuta
mal-karnival, il-każini tal-baned, u l-firxa enormi ta’
festivals u avvenimenti. Hemm memorji kulturali,
riti u ritwali distinti li jqanqlu l-immaġinazzjoni
popolari u jimmobilizzaw varjetà wiesgħa ta’
attivitajiet kulturali.
Barra minn hekk, kull reġjun għandu taħlita ta’
qawwiet uniċi espressi fil-ħiliet, l-attivitajiet u
l-aspirazzjonijiet tal-poplu. Madankollu, għadna
m’aħniex insarrfu l-potenzjal sħiħ tal-firxa ta’
talenti kreattivi. Hawn wisq nies li jsibuha diffiċli
jibnu karriera sostenibbli fil-kultura. Jeżistu limiti
serji ta’ kapaċità għall-organizzazzjonijiet kulturali,
b’ħafna minnhom ibatu biex ilaħħqu mal-ispejjeż
u jikbru sostenibbilment. Komunitajiet emerġenti
minn partijiet differenti tad-dinja għadhom ma
sabux pjattaforma biex jesprimu l-kultura tagħhom
u jikkontribwixxu għal fużjoni dejjem tikber ta’
tradizzjonijiet kulturali madwar ir-reġjuni.
Din it-tema hija dwar il-bini ta’ kapaċità, ħiliet
u sħubijiet fi ħdan il-bażi ta’ talent kulturali.
L-intenzjoni tagħha hija li timmobilizza l-forza
tax-xogħol kulturali fejn ħafna aktar nies huma
attivi joħolqu l-kultura – kemm professjonalment
kif ukoll bħala parti ċentrali f’ħajjithom. Din it-
tema tfittex li tassigura li s-settur kulturali jkun
miftuħ għal kulħadd u jsarraf bl-aqwa mod possibbli
l-ideat, l-aspirazzjonijiet, l-enerġiji u l-ħiliet ta’
popolazzjoni li qed issir dejjem aktar diversa. Din
it-tema tipprijoritizza l-iżvilupp ta’ programmi
u l-infrastruttura li tipprovdi kundizzjonijiet li
jippermettu lit-talent jiffjorixxi. Dan jinkludi
l-introduzzjoni ta’ edukazzjoni kulturali u tal-arti;
l-iżvilupp ta’ ħiliet speċjalisti kulturali, appoġġ għall-
ġestjoni u l-intraprenditorija; u, l-koordinazzjoni
ta’ ċentri kulturali, networks, u attivitajiet ta’
sħubija li jibnu viżibbiltà, vuċi u fiduċja madwar is-
settur kulturali.
20
Strateġija Kulturali Reġjonali - Tramuntana