2.1.1. L-irwol tal-Kunsilli Reġjonali u Lokali
L-istrateġija tikkunsidra l-obbligu legali tal-Kunsilli
Reġjonali li jipprovdu lill-Kunsilli Lokali b’għajnuna
biex jindirizzaw il-funzjonijiet kulturali tagħhom kif
deskritt fl-Att dwar il-Gvern Lokali, jiġifieri li:
→Jipprovdu għat-twaqqif, iż-żamma u
l-manutenzjoni taċ-ċentri kulturali.
→Jamministraw libreriji lokali bħala parti minn
skema nazzjonali u jassiguraw li huma aċċessibbli
kemm jista’ jkun għal kulħadd.
→Jissalvagwardjaw l-identità lokali u jieħdu l-miżuri
neċessarji biex jissalvagwardjaw il-patrimonju
storiku u kulturali, it-tradizzjonijiet u l-folklor.
→Jestendu l-għajnuna lill-artisti fil-lokalità tagħhom
biex jgħinuhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom.
→Jorganizzaw attivitajiet kulturali li jippromwovu
l-lokalità b’kwalunkwe mod possibbli.
→Jippromwovu l-kunċett ta’ tagħlim matul il-ħajja
mar-residenti kollha, partikolarment mal-adulti u
l-anzjani, billi jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim
matul il-ħajja fil-lokalità.
Waqt li l-benesseri, is-sostennibbiltà u
d-deċentralizzazzjoni ġew aktar viżibbli fil-Politika
Kulturali Nazzjonali (PKN) 2021 (Ministeru għall-
Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, 2021), l-irwol
ta’ tmexxija tal-Kunsilli Reġjonali u Lokali f’dan il-
proċess se jsir saħansitra aktar importanti.
Il-PKN 2021 tiddikjara li l-mandat kulturali tal-Kunsilli
Reġjonali u Lokali se jitwessa’ biex jinkludi tmexxija
mtejba tar-riżorsi għall-infrastruttura kulturali
lokali u l-wirt kulturali u inizjattivi għal innovazzjoni
kulturali u impenn fi ħdan il-komunità (Ministeru
għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, 2021).
Il-PKN tirrikonoxxi l-bżonn li timplimenta Strateġiji
Kulturali Reġjonali permezz ta’ introduzzjoni
ta’ proċeduri amministrattivi koerenti għall-
ġestjoni u l-koġestjoni ta’ avvenimenti kulturali u
programmi edukattivi. Dawn jinkludu programmi ta’
tagħlim matul il-ħajja li jirriflettu l-bżonnijiet tal-
komunità, li jikkunsidraw il-bidliet fid-demografija
u l-popolazzjoni f’reġjuni differenti f’dawn l-aħħar
ftit snin. F’reġjuni b’konċentrazzjoni għolja ta’
residenti mhux Maltin, il-Kunsilli Reġjonali għandhom
speċifikament joħolqu programmi li huma mfassla
eżattament għal din il-bidla bil-għan li jintegraw lir-
residenti kollha fi ħdan ir-reġjuni.
Minkejja l-karatteristiċi distinti tar-reġjuni, il-PKN
2021 tappoġġja wkoll miżuri għal kollaborazzjoni u
networking bejn ir-reġjuni fit-tfassil tal-programmi
kulturali tagħhom, il-ġestjoni tagħhom tal-wirt
kulturali, il-kontribuzzjoni tagħhom fir-restawr tal-
faċċati u l-isforzi tagħhom għal ġestjoni sostenibbli
tal-ambjent kulturali.
Din l-istrateġija tibni fuq il-prijoritajiet nazzjonali li
jinkludu titjib tal-aċċess kulturali u l-parteċipazzjoni
taċ-ċittadini, tappoġġja d-diversità kulturali
u l-integrazzjoni u tibni sħubijiet ġodda bejn
istituzzjonijiet kulturali pubbliċi, reġjuni u NGOs
kulturali bill tindirizza miżuri strateġiċi li jittrattaw
l-isfidi speċifiċi, li jidentifikaw ukoll il-punti
b’saħħithom u l-elementi uniċi tal-lokalitajiet fi
ħdan ir-reġjun li jistgħu jitpoġġew fil-vetrina. Il-
PKN tirrifletti wkoll fuq kif il-kultura u l-arti jistgħu
jwieżnu, jappoġġjaw u jsostnu attività speċifika fit-
turiżmu lokali, l-edukazzjoni, l-ekonomija u s-saħħa.
Ir-reġjuni jistgħu, permezz ta’ approċċ koordinat u
ambizzjuż għal sħubija u investiment, jiġu mogħnija
permezz ta’ bini fuq l-assi kulturali tagħhom,
isaħħu s-sħubijiet, jiżviluppaw kapaċità fl-għarfien
u l-ħiliet, jippjanaw proġetti għat-tul taż-żmien, u
jinkoraġġixxu tipi ġodda ta’ kultura li jiffjorixxu biex
it-tradizzjoni u l-innovazzjoni jkunu jistgħu jimxu
id f’id.
Il-Kunsilli Reġjonali, permezz tal-ispirazzjoni mill-
għarfien u l-esperjenzi ta’ nies li jaħdmu bla heda
għal-lokalitajiet u l-evidenza b’saħħitha li ħarġet mir-
riċerka, huma fdati li jippermettu l-iżvilupp kulturali
fir-reġjun permezz tal-qafas strateġiku u riżorsi oħra
li jistgħu jiġu megħjuna fuq livell kemm nazzjonali kif
ukoll Ewropew. Din l-istrateġija hija mfassla fuq tliet
temi trasversali li huma komuni għar-reġjuni kollha u
tintroduċi wkoll prijoritajiet għal kull reġjun.
19
Il-Kunsill Malti għall-Arti