Programm tal-Festa 2023

Welcome to interactive presentation, created with Publuu. Enjoy the reading!

It-Tlieta, l-1 ta’ Awwissu 2023

Ċelebrazzjoni fiż-Żona ta’

Santa Margerita

Marija tidher lil San Xmun Stock

Festa Marija Assunta 2023

L-ewwel sekli tal-knisja kienu mmarkati minn persekuzzjoni

kontinwa min-naħa tal-imperu Ruman. Kien hemm diversi

nsara li ċedew u ċaħdu l-fidi tagħhom minħabba l-biża’, imma ħafna aktar insara baqgħu

iħaddnu l-fidi minkejja r-riskju li kienu fih. Xi wħud għażlu li jaħarbu lejn id-deżert u

hemm għexu l-fidi tagħhom b’aktar libertà. Maż-żmien dan l-istil ta’ ħajja beda jkun

imfittex minn xi wħud, anke wara li ntemmet il-persekuzzjoni. Fid-deżert wieħed jista’

jiffoka aktar fuq Alla peress li jkun ‘l bogħod mill-aljenazzjonijiet tad-dinja. Għalhekk

l-eremitaġġ sar stil ta’ ħajja, li baqa’ jiġi prattikat matul iż-żmien.

Fit-tnax-il seklu, eremiti nsara marru jgħixu ħajja ta’ talb u ġabra fuq l-Għolja tal-

Karmelu, l-għolja fejn il-profeta Elija kien ra sħaba żgħira wara tliet snin ta’ nixfa.

Dawn l-eremiti xebbhu dik is-sħaba żgħira ma’ Marija, Omm Alla, li ġabet il-ħajja

vera fid-dinja mejta. Bdew jonoraw lill-Madonna b’titlu ġdid, il-Madonna tal-Għolja

tal-Karmelu, u waqqfu Ordni ddedikat prinċipalment għall-ħajja kontemplattiva

taħt il-patroċinju tal-Madonna. Dawn l-eremiti ddeċidew li jimxu lejn bliet ewropej

minħabba persekuzzjoni li qamet fil-Palestina min-naħa tal-Misilmin fit-13-il seklu.

Hemm tradizzjoni li tgħid li fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Madonna dehret lil San Xmun

Stock li kien is-sitt Superjur Ġenerali tal-Karmelitani, f’Cambridge, l-Ingilterra. San

Xmun kien Ingliż, bniedem ta’ qdusija u devozzjoni kbira. Kien jitlob lil Marija żżejjen

l-ordni bi privileġġ speċjali. Il-Verġni dehritlu b’labtu kannella f’idejha u qaltu: “dan

għalik u dawk ta’ madwarek. Dawk li jmutu liebsa lilu jsalvaw.” Dan kien il-privileġġ li

tatu l-Madonna. Il-labtu kien fardal magħmul minn drapp tal-abitu Karmelitan. Kliem

Marija kien bħal assigurazzjoni li dawk il-Karmelitani li jipperseveraw fil-vokazzjoni

tagħhom, isalvaw. F’nofs is-seklu 16 daħlet devozzjoni ta’ labtijiet żgħar li kienu

jintlibsu minn kulħadd.

Nitolbu lil Marija għall-perseveranza fil-fidi, anke meta nsibu t-taħbit u l-persekuzzjoni.

Nitolbuha takkumpanjana biex ngħixu l-vokazzjoni tagħna għall-qdusija billi ngħixu

b’fedeltà skont l-istil ta’ ħajja li l-Mulej sejħilna għaliha.

6:00pm

Rużarju meditat fil-Bażilika mill-membri tal-Grupp

Kariżmatiku.

6:30pm

Quddiesa fil-Bażilika. Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

6:30pm

Quddiesa fil-pjazza ta’ quddiem il-kappella l-antika ta’ Santa

Margerita (Triq il-Midbaħ) minn Dun Gwann Sammut

flimkien mal-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana.

Wara l-Quddiesa jsir pellegrinaġġ bix-xbieha ta’ Santa Marija

li jgħaddi minn dawn it- toroq: Midbaħ, Dura, Imsiebaħ,

Fdalijiet Preistoriċi, Battaljun, Santu Rokku.

Wara jkun hemm ħin ta’ soċjalizazzjoni fil-pjazza stess.

1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 12 13 14 15 16 17 18 19 20 21 22 23 24 25 26 27 28
Fullscreen