Programm tal-Festa 2023
Welcome to interactive presentation, created with Publuu. Enjoy the reading!
Messaġġ tal-Arċipriet
Dun Sebastjan Caruana
Matul din s-sena d-djoċesi tagħna qed tistedinna niffukaw
fuq il-bżonn tal-akkumpanjament. Li taf li tkun akkumpanjat
fil-mixja tal-fidi hi tassew neċessarja għax il-fidi nisranija hi
fidi li trid tiġi mgħixha f’komunità u mhux b’mod personali
biss. Ġesù l-ewwel m’għamel kien li sejjaħ madwaru komunità ta’ tnax-il persuna u
akkumpanjhom. F’dan l-akkumpanjament hu saħħaħhom u wettaqhom mhux biss fil-
fidi tagħhom f’Alla imma wkoll fl-imħabba ta’ bejniethom. Wara din l-esperzenza mal-
Mulej, huma kienu kapaċi jakkumpanjaw oħrajn fit-triq tal-fidi u bnew komunitajiet
ġodda madwar id-dinja kollha. Dan il-proċess għadu għaddej sa żmienna; aħna nkunu
akkumpanjanti biex nakkumpanjaw oħrajn u flimkien inkomplu ninbnew f’tempju
qaddis, kif jgħidilna San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu.
U jekk hi tassew ta’ serħan il-moħħ u serħan il-qalb li nafu li aħna akkumpanjati mill-
bnedmin, kemm hu aktar jekk nagħrfu li aħna akkumpanjati wkoll mill-qaddisin,
l-aktar minn Marija Santissma. Lil Marija nsejħulha b’diversi titli; donnu diffiċli biex
tiddeskrivi lil Marija u l-missjoni tagħha f’kelma waħda. Kull titlu jgħinna niskopru
lil Marija u l-missjoni afdata f’idejha ftit aktar; hekk per eżempju, nsejħulha Omm,
Verġni, Sultana u ta nt u tant titli oħra li nagħtuha. Hu x’inhu t-titlu li bih insejħulha,
il-Verġni Marija dejjem tħares lejna u tgħinna fil-mixja tagħna lejn Alla l-Imbierek.
B’xiehda ta’ dan huma l-ġrajjiet tad-dehriet li l-Madonna għamlet matul is-sekli fil-
kontinenti kollha tad-dinja. Dawn id-dehriet huma xiehda tal-imħabba tagħha lejna,
uliedha. Għalkemm il-knisja, ġeneralment, ma tantx tiffoka fuq ir-rakkonti tad-
dehriet infushom, xorta tara fihom prova ta’ kif Marija tassew akkumpanjat u għadha
takkumpanja lil dawk fdati f’idejha minn Binha stess. Il-knisja qatt ma qalet li dawn
id-dehriet ma setgħux ġraw u li ma jistgħux jiġru (għalhekk tapprovahom). Prova ta’
dan hija l-preżenza ta’ xi papiet f’postijiet li fihom jingħad li dehret il-Madonna.
Fil-kwindiċina ta’ din is-sena se nħallu xi rakkonti ta’ dehriet jgħinuna niftakru kif
Marija hi tassew akkumpanjatriċi tal-knisja. Ħafna drabi magħquda mal-ġrajjiet
tad-dehriet insibu messaġġi li Marija xtaqet tgħaddi lilna l-bnedmin. Hi trid tibqa’
tfakkarna f’dak li Binha Ġesù għamel għalina u f’dak li qalilna. Ejjew f’din il-festa tal-
Assunzjoni ta’ Marija nkomplu nħallu lil Marija tfakkarna f’dak li hu l-aktar essenzjali
fil-ħajja tagħna ħalli dejjem naslu li nagħmlu għażliet tajbin li jwassluna sal-ħajja ta’
dejjem.
Il-Festa t-tajba.
Marija Akkumpanjatriċi tal-Knisja
Mill-Ħamis 3 sal-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu
se nirriflettu fuq it-tema magħżula għall-festa ta’ din is-sena:
Marija Akkumpanjatriċi tal-Knisja
Matul dawn il-jiem se jkollna magħna lil Mons Anton Gouder li se jgħina nirriflettu fuq din it-tema.
Festa Marija Assunta 2023
Parroċċa Mosta
Programmm 2023
8:00am
Ħruq ta’ murtali mill-Għaqda Piroteknika Santa Marija.
12:00pm
Ħruq ta’ murtali mill-Għaqda Piroteknika Santa Marija.
5:00pm
Quddiesa fil-Bażilika.
6:00pm
Tingħad it-talba tar-Rużarju mill-membri tal-Azzjoni
Kattolika Nisa.
6:30pm
Quddiesa kantata mmexxija mill-Arċipriet Dun Sebastjan
Caruana. Ċelebrazzjoni Marjana, li fiha l-vara Titulari
titqiegħed f’postha għall-jiem tal-festa, u tingħata l-Barka
Sagramentali. Waqt dan il-ħin issir ġabra għall-festa fil-
Bażilika.
Kif titpoġġa l-istatwa fuq il-bankun jinħaraq salut mill-
Għaqda Piroteknika Santa Marija.
8:30pm
Festa Familja, fil-pjazza tal-Mosta. Attività li tinkludi ikel,
xorb, programm ta’ divertiment, post ta’ logħob għat-tfal u
ħafna aktar.
9.00pm
Ħruq ta’ murtali u kaxxa nfernali mill-Għaqda Piroteknika
Santa Marija.
Ħruġ tal-Istatwa min-Niċċa u Ftuħ tal-Festa
Is-Sibt, id-29 ta’ Lulju 2023
Il-Ħadd, it-30 ta’ Lulju 2023
Bidu tal-Kwindiċina
Ċelebrazzjoni fiż-Żona tal-Bidnija
Sidtna Marija tidher lil
San Ġakbu l-Kbir
Festa Marija Assunta 2023
Wara Pentekoste, it-tnax l-appostlu tferrxu biex ixandru mad-dinja kollha l-Evanġelju.
It-tradizzjoni tgħid li San Ġakbu l-Kbir, f’wieħed mill-vjaġġi appostoliċi tiegħu,
ivvjaġġa lejn il-Peniżola Iberika fi Spanja tal-lum biex jipprietka lil Kristu. Kien żgħir
wisq in-numru ta’ dawk li kkonvertew frott il-ħidma tiegħu, tant li San Ġakbu beda
jaqta’ qalbu li xi darba n-nies tal-post kienu se jaċċettaw l-Evanġelju. Quddiem dan
il-falliment waqaf ħdejn ix-xmara Ebro (f’Saragoża tal-lum), u talab flimkien mal-
ftit dixxipli li kellu. Għalkemm kienet għadha ħajja, u tgħix f’Ġerusalemm, Marija
Santissma dehritlu fuq pilastru tal-ġebel biex tfarrġu u tagħmillu kuraġġ f’dan il-
mument diffiċli. Skont wieħed mir-rakkonti, il-Madonna kienet wegħditu li kienet
se żżuru meta jkun l-aktar fil-bżonn. Jingħad li kienet il-Madonna stess li bagħtet lil
Ġakbu f’dan ir-reġjun tal-Imperu Ruman biex iwassal lil Binha Ġesù. Fil-mument
l-aktar kruċjali, meta kien qed jikkunsidra li jabbanduna l-għalqa tal-missjoni tiegħu,
Marija ġiet iżżuru; kien għall-ħabta tas-sena 40WK. It-titlu li ngħata lil Marija marbut
ma’ dan il-fatt hu: il-Madonna tal-Pilar.
Hawn naraw kif Marija akkumpanjat lill-appostli u l-ewwel evanġelizzaturi. Għalkemm
kienu kollha mxerrdin mad-dinja, xorta baqgħet omm għalihom u tieħu ħsiebhom.
Nitolbu lil Marija biex tibqa’ tieqaf mal-knisja fil-ħidma appostolika tagħha; tħares lill-
missjunarji, lis-saċerdoti, lill-katekisti u lill-evanġelizzaturi kollha ta’ żmienna.
11:00am
Quddiesa fil-Knisja tas-Sagra Familja fil-Bidnija, mir-Rettur
taz-Zona Dun Rafel De Martino flimkien mal-Arċipriet
Dun Sebastjan Caruana. Wara l-Quddiesa jkun hemm ħin ta’
soċjalizazzjoni.
11:45am
Ħruq ta’ murtali mill-Għaqda Piroteknika 15 ta’ Awwissu.
6:00pm
Tingħad it-talba tar-Rużarju mill-membri tal-Leġjun ta’ Marija
Rġiel.
5:30pm
Quddiesa tal-bidu tal-Kwindiċina, fil-Bażilika minn
Dun Roderick Baldacchino.
Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
9.00pm
Programm mużikali mill-Banda Nicolò Isouard quddiem iz-zuntier
tal-Knisja.
9:00pm
Ħruq ta’ murtali u kaxxa infernali mill-Għaqda Piroteknika 15 ta’
Awwissu.
It-Tnejn, il-31 ta’ Lulju 2023
Ċelebrazzjoni fiż-Żona ta’ Ta’ Mlit
Marija tidher lil San Duminku ta’ Gusman
u tagħtih il-kuruna tar-rużarju
Parroċċa Mosta
Tul l-istorja tal-knisja, ibda mill-ewwel żminijiet tagħha sal-lum, insibu r-realtà tal-
ereżiji. Xi persuni pprietkaw tagħlim żbaljat, aktar milli fittxew il-verità. Bla dubju dan
ħawwad l-imħuħ ta’ diversi dixxipli.
Fit-tnax-il seklu nibtet l-ereżija tal-Albiġensi, li kienu jinkoraġġixxu lill-kattoliċi
jtemmu ħajjithom biex jeħilsu minn din id-dinja ħażina. San Duminku ta’ Guzman
(1170 -1221) ħadha kontra din l-ereżija billi mpenja ruħu bi sħiħ fil-predikazzjoni
– hu pprietka l-verità tal-Evanġelju. Imma l-ħidma impenjattiva ta’ Duminku biex
jikkonverti l-erwieħ u jġibhom lura għall-fidi waħda, ftit kienet qed tħalli frott. Skont
leġġenda, kien f’dan il-mument meta San Duminku kellu viżjoni li fiha l-Verġni Marija
dehritlu u ppreżentatlu kuruna tar-rużarju. Il-Madonna riedet tassistih fil-ġlieda
tiegħu kontra din l-ereżija, li kienet qed tagħmel ħerba fil-knisja. Din id-dehra seħħet
fin-nofsinhar ta’ Franza, f’post ċkejken ‘l bogħod magħruf bħala Proulilhe fir-reġjun ta’
Languedoc. Il-kuruna tar-rużarju saret għalih arma qawwija f’din it-taqbida. Iż-żibeġ
tal-kuruna bdew jgħinuh fit-talb personali tiegħu għax bihom beda jgħodd in-numru
ta’ tislimiet li kien jagħti lill-Verġni Marija waqt li jimmedita l-ħajja ta’ Ġesù. It-tislima
tal-anġlu Gabriel fit-tħabbira tal-Inkarnazzjoni saru l-kliem tat-tislima tiegħu.
L-użu ta’ ċirku ta’ żibeġ bħala meżż ta’ għadd fil-meditazzjoni reliġjuża huwa
dokumentat ħafna qabel il-bidu tas-seklu tlettax. Matul il-medda tas-snin, ir-rużarju
sar talba devozzjonali li xterdet mal-insara tad-dinja kollha.
Nitolbu lil Marija tkompli takkumpanja lill-knisja u tħarisha minn kull periklu ta’ żball
u nuqqas ta’ verità li tista’ tiffaċċja minn żmien għal żmien. Nitolbuha tħarisna mit-
tfixkil tal-ereżiji.
6:00pm
Rużarju meditat fil-Bażilika mill-membri tas-Support Group
Marija Armla.
6:30pm
Quddiesa fil-Bażilika. Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
6:30pm
Quddiesa minn Dun Andre Zaffarese Rettur taż-Żona flimkien
mal-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana, fil-Knisja Marija Omm
il-Knisja u wara tiġi mmeditata t-talba tar-Rużarju Mqaddes.
Nagħlqu b’ħin ta’ soċjalizazzjoni.
8:00pm
Adorazzjoni fil-Bażilika, sal-11:00pm b’talb għal ġid spiritwali
tal-festa.
It-Tlieta, l-1 ta’ Awwissu 2023
Ċelebrazzjoni fiż-Żona ta’
Santa Margerita
Marija tidher lil San Xmun Stock
Festa Marija Assunta 2023
L-ewwel sekli tal-knisja kienu mmarkati minn persekuzzjoni
kontinwa min-naħa tal-imperu Ruman. Kien hemm diversi
nsara li ċedew u ċaħdu l-fidi tagħhom minħabba l-biża’, imma ħafna aktar insara baqgħu
iħaddnu l-fidi minkejja r-riskju li kienu fih. Xi wħud għażlu li jaħarbu lejn id-deżert u
hemm għexu l-fidi tagħhom b’aktar libertà. Maż-żmien dan l-istil ta’ ħajja beda jkun
imfittex minn xi wħud, anke wara li ntemmet il-persekuzzjoni. Fid-deżert wieħed jista’
jiffoka aktar fuq Alla peress li jkun ‘l bogħod mill-aljenazzjonijiet tad-dinja. Għalhekk
l-eremitaġġ sar stil ta’ ħajja, li baqa’ jiġi prattikat matul iż-żmien.
Fit-tnax-il seklu, eremiti nsara marru jgħixu ħajja ta’ talb u ġabra fuq l-Għolja tal-
Karmelu, l-għolja fejn il-profeta Elija kien ra sħaba żgħira wara tliet snin ta’ nixfa.
Dawn l-eremiti xebbhu dik is-sħaba żgħira ma’ Marija, Omm Alla, li ġabet il-ħajja
vera fid-dinja mejta. Bdew jonoraw lill-Madonna b’titlu ġdid, il-Madonna tal-Għolja
tal-Karmelu, u waqqfu Ordni ddedikat prinċipalment għall-ħajja kontemplattiva
taħt il-patroċinju tal-Madonna. Dawn l-eremiti ddeċidew li jimxu lejn bliet ewropej
minħabba persekuzzjoni li qamet fil-Palestina min-naħa tal-Misilmin fit-13-il seklu.
Hemm tradizzjoni li tgħid li fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Madonna dehret lil San Xmun
Stock li kien is-sitt Superjur Ġenerali tal-Karmelitani, f’Cambridge, l-Ingilterra. San
Xmun kien Ingliż, bniedem ta’ qdusija u devozzjoni kbira. Kien jitlob lil Marija żżejjen
l-ordni bi privileġġ speċjali. Il-Verġni dehritlu b’labtu kannella f’idejha u qaltu: “dan
għalik u dawk ta’ madwarek. Dawk li jmutu liebsa lilu jsalvaw.” Dan kien il-privileġġ li
tatu l-Madonna. Il-labtu kien fardal magħmul minn drapp tal-abitu Karmelitan. Kliem
Marija kien bħal assigurazzjoni li dawk il-Karmelitani li jipperseveraw fil-vokazzjoni
tagħhom, isalvaw. F’nofs is-seklu 16 daħlet devozzjoni ta’ labtijiet żgħar li kienu
jintlibsu minn kulħadd.
Nitolbu lil Marija għall-perseveranza fil-fidi, anke meta nsibu t-taħbit u l-persekuzzjoni.
Nitolbuha takkumpanjana biex ngħixu l-vokazzjoni tagħna għall-qdusija billi ngħixu
b’fedeltà skont l-istil ta’ ħajja li l-Mulej sejħilna għaliha.
6:00pm
Rużarju meditat fil-Bażilika mill-membri tal-Grupp
Kariżmatiku.
6:30pm
Quddiesa fil-Bażilika. Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
6:30pm
Quddiesa fil-pjazza ta’ quddiem il-kappella l-antika ta’ Santa
Margerita (Triq il-Midbaħ) minn Dun Gwann Sammut
flimkien mal-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana.
Wara l-Quddiesa jsir pellegrinaġġ bix-xbieha ta’ Santa Marija
li jgħaddi minn dawn it- toroq: Midbaħ, Dura, Imsiebaħ,
Fdalijiet Preistoriċi, Battaljun, Santu Rokku.
Wara jkun hemm ħin ta’ soċjalizazzjoni fil-pjazza stess.
L-Erbgha, it-2 ta’ Awwissu 2023
Ċelebrazzjoni fiż-Żona ta’ Sant Andrija
Il-Madonna ta’ Czestochowa
Parroċċa Mosta
Il-Madonna, magħrufa bħala l-Madonna s-Sewda, hi meqjuma f’Czestochowa u hi
l-aktar relikwa antika meqjuma fil-Polonja. Hi waħda mis-simboli nazzjonali fil-pajjiż.
Jingħad li l-injama li fuqha ġiet impinġija din ix-xbieha nġiebet mid-dar tal-Familja
Qaddisa u t-tradizzjoni żżomm li kienet impinġija minn San Luqa nnifsu. F’din l-ikona,
il-Madonna titfa’ l-attenzjoni tagħna fuq Binha Ġesù, waqt li jidher ibierek b’idjeh il-
leminija lil min ikun jittawwal mit-tieqa ta’ din l-ikona.
Fl-1656, sena wara invażjoni li falliet, ir-re Kazimieri tal-Polonja ddikjara l-Madonna
ta’ Czestochowa bħala ‘s-Sultana tal-Polonja’ u ddikjara wkoll lil Czestochowa bħala
l-kapitali spiritwali tan-nazzjon. Għalhekk Marija saret simbolu ta’ protezzjoni u
identità nazzjonali, b’tali mod li ħalliet impatt fuq il-popolazzjoni kollha tal-Polonja.
Jum fost l-oħrajn, f’nofs il-gwerra bejn il-Pollakki u s-Sovjetiċi, ċittadini u suldati
inġabru biex jitolbu b’ħeġġa kbira lill-Madonna ta’ Czestochowa. Nhar il-15 ta’
Settembru tal-1920, propju fil-festa ta’ Marija Addolarata, hi dehret fis-sħab fuq
Varsavja. Dak in-nhar ir-Russi kienu mirbuħa f’sensiela ta’ battalji li għamlu fuq il-
Polonja. In-nies tal-post sejħu dan il-fatt bħala ‘l-Miraklu ta’ Vistula.’
Il-Madonna takkumpanja lil kull min ikun fit-tiġrib. Hi tfakkarna li tixtieq il-kwiet
u s-sliem fost uliedha. L-akkumpanjament tagħha jidher kull meta teħlisna mill-
għedewwa, l-aktar dawk spiritwali, li jfittxu li jeqirdu minn ġo qalbna l-paċi u
t-trankwillità. Il-post ta’ Czestochowa għadu sal-ġurnata tal-lum post li joffri kwiet u
serenità; hu post ta’ refuġju mid-dinja mgħaġġla ta’ żmienna.
Nitolbu għal kull min hu mħabbat u jħossu qed jitqabad kontra l-għedewwa, biex isib
il-kuraġġ f’Marija u ma jċedix quddiem it-taqbid tal-ħażen li jdawwarna.
6:00pm
Rużarju meditat mill-Grupp ta’ talb għall-Qdusija tal-Kleru.
6:30pm
Quddiesa fil-Bażilika. Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
6:00pm
Quddiesa minn Dun Antoine Borg, Rettur taż-Żona
flimkien mal-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana u wara
Pellegrinaġġ Marjan li jgħaddi minn dawn t-toroq: Kissier,
Snajja, Baqqunier, Ġarrier, Snajja, Trinkatur għall-
Kappella, fejn nagħlqu bil-Barka Sagramentali.
Wara jkun hemm ħin ta’ soċjalizazzjoni.
Il-Ħamis, it-3 ta’ Awwissu 2023
Jum l-Abbatini
Il-Madonna tal-Midalja Mirakoluża
Festa Marija Assunta 2023
F’Lulju tas-sena 1830 seħħet ir-revuluzzojni Franċiża,
magħrufa bħala r-revuluzzjoni ta’ Lulju; il-mewġa tal-liberaliżmu wasslet lin-nies biex
iqumu kontra r-re Franċiż. Kien żmien ta’ nstabilità politika kbira.
Fit-18 tal-istess xahar, Santa Katerina Labourè semgħet vuċi ħelwa tistedinha biex tmur
fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzji f’Pariġi, fejn hemm il-Verġni Marija qaltilha: “Alla
jixtieq jagħtik missjoni ġdida. Se jkun hemm min imerik, imma tibżax; int se jkollok
il-grazzja biex tagħmel dak li jkun hemm bżonn. Għid lid-direttur spiritwali b’dak kollu
li jgħaddi mingħalik. Is-sitwazzjoni fi Franza u fid-dinja hi waħda mwiegħra.”
Skont Santa Katerina, il-Madonna reġgħet dehritilha fis-27 ta’ Novembru 1830, waqt
li kienet qed timmedita matul il-lejl. Hi rat lill-Madonna fi gwarniċ ovali, wieqfa fuq
globu, b’numru ta’ ċrieket bil-ħaġar prezzjuż f’idejha u minnhom ħerġin raġġi tad-dawl
għal fuq id-dinja. Mad-dawra tal-gwarniċ kien hemm il-kliem: ‘O Marija, imnissla
mingħajr dnub, itlob għalina li nirrikorru lejk.’ Hekk kif Katerina kienet qed tħares,
il-gwarniċ dar u fuq wara deher ċirku bi tnax-il kewkba, ittra M kbira b’salib minsuġ
fiha, u l-Qalb Qaddisa ta’ Ġesù nkurunata bix-xewk, flimkien mal-Qalb Immakulata ta’
Marija minfuda b’sejf, fuq in-naħa t’ isfel tal-gwarniċ. Imbagħad il-Madonna talbitha
tieħu dawn l-immaġini lill-konfessur tagħha u tgħidlu biex jagħmilhom fuq domni,
u li kull minn jilbishom fuqu jirċievi grazzji kbar. Swor Katerina għamlet li qaltilha
l-Madonna. Il-konfessur baqa’ josserva l-imġieba tas-soru fil-ħajja tagħha ta’ kuljum
u kien biss wara sentejn li għaddha l-informazzjoni kollha lill-Arċisqof, bla ma rrivela
l-identità tas-soru. It-talba tagħha ġiet milqgħuha u saru d-domni.
Skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, l-użu tas-sagramentali bħall-użu ta’ domni,
jistgħu jgħinu lil dak li jkun biex ikun aktar dispost li jikkopera mal-grazzja ta’ Alla.
Nitolbu lill-Madonna biex tieqaf mad-dinja, l-aktar f’mumenti ta’ nstabbilità, tensjoni
u ġlied. Nitolbuha wkoll biex tagħtina l-għajnuna ħalli nikkoperaw ma’ kull grazzja li
Alla jgħoġbu jagħtina.
6:00pm
Rużarju meditat mill-Grupp tal-Abbatini.
6:30pm
Quddiesa minn Fr Sean Abela, li matulha ssir il-Vestizzjoni tal-
Abbatini l-ġodda.
Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Il-Ġimgħa, l-4 ta’ Awwissu 2023
Jum l-Ospitalità
Parroċċa Mosta
10
Il-bniedem minn dejjem kien iterraq u jivvjaġġa. Forsi fi żmienna s-safar żdied ħafna u
hu marbut ma’ ġiti u ma’ esperjenzi varji li ħafna jfittxu li jagħmlu f’pajjiżi oħra. Imma
diversi persuni jivvjaġġaw ukoll għax jiġu sfurzati jitilqu minn pajjiżhom minħabba
l-qagħda ħażina li jkunu qed jgħixu fiha. Hekk ġara minn diversi nsara li kienu
jgħixu fil-Palestina meta l-Imperu Ottoman kien rebaħ l-Art Imqaddsa. Il-Kruċjati
kienu qed jirritornaw lura lejn il-Punent u magħhom l-insara kollha li kienu hemm.
L-ewwel bdew minn Ġerusalemm u wara l-Ottomani għaddew għal Nazaret, il-post
fejn twieldet u għexet Marija, il-post fejn saret l-Annunzazzjoni mill-Anġlu Gabriel,
u l-post fejn trabba u kiber Ġesù. Il-Kruċjati kienu ġarrew magħhom ħafna relikwi u
tifkiriet għeżież biex ma’ jinqerdux mill-Musulmani, imma d-dar ta’ Marija ma setgħux
iġorruha.
It-tradizzjoni tgħid li fl-1291 grupp ta’ anġli ħadu taħt il-kustodja tagħhom id-dar
ċkejkna ta’ Marija. U biex jipproteġuha refgħuha u ħaduha l-ewwel lejn Tersato, fid-
Dalmazja (illum il-Kroazja), imbagħad lejn Recanati, l-Italja u fl-aħħar, fl-1294 lejn
Loreto fl-Italja, fejn għadha tinsab sal-lum.
Il-kappillan tal-knisja tal-belt ta’ Tersato (Dalmazja), Dun Alexander Georgevich,
skanta hekk kif ra dar ċkejna, li dehret f’daqqa waħda; hu talab għall-gwida divina biex
jagħraf x’għandu jagħmel fis-sitwazzjoni. Ftit wara l-Omm Verġni dehritlu fil-ħolm u
qaltlu li d-dar kienet ġejja minn Nazaret u li tassew hi d-dar tal-Familja Mqaddsa. Hi
qaltlu li bħala prova hu kien se jfiq minn marda li kien ilu jbati minnha għal ħafna snin,
u fil-fatt fieq tassew.
Aktar mill-moviment straodinarju tad-dar, irridu nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq
Marija, li tterraq u tivvjaġġa mal-bniedem. Hemm eluf ta’ mirakli li ġew rappurtati
li saru fid-dar ta’ Nazaret, bl-interċessjoni tas-Sinjura ta’ Loreto, u dan juri kif Marija
tassew takkumpanja lil min jinsab f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Il-Madonna ta’ Loreto hi l-patruna tal-avjazzjoni u ta’ min jivvjaġġa. Għalhekk ejjew
nitolbu għal kull min jinsab fil-vjaġġ. Nitolbu wkoll għal dawk li huma bla dar, biex
isibu l-wens ta’ Marija
6:00pm
Rużarju meditat mill-Voluntiera tal-Grupp tal-Ospitalità mall-
Viżitaturi.
6:30pm
Quddiesa minn Dun Roderick Baldacchino, bis-sehem ta’
dawk impenjati fl-inizjattiva tal-Viżitaturi tal-Bażilika.
Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Il-Madonna ta’ Loreto
1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 12 13 14 15 16 17 18 19 20 21 22 23 24 25 26 27 28